Bdiet tintilef il-paċenzja mal-Griegi

Il-kelma “Greċja” donnha ma tistax titneħħa mill-aħbarijiet finanzjarji.
Kull darba li l-Greċja tissemma fl-aħbarijiet, is-swieq finanzjarji jieħdu xokk.
Il-prezzijiet ta’ bosta ishma madwar l-Ewropa u anke fl-Istati Uniti jsiru volatili ferm.
Ikun hemm ġranet fejn jiżdiedu ferm fil-valur, għax jingħad li l-Greċja għandha biex tħallas id-djun enormi li għandha, u ġranet oħra fejn jingħad il-kontra u b’hekk l-ishma jitilfu ferm fil-valur. Dan qed jagħmilha diffiċli biex isiru investimenti f’ishma.
Din is-sena xorta għadha meqjusa pożittiva ferm għall-ishma Ewropej.
Mill-bidu tas-sena s’issa, l-indiċi tal-ishma f’bosta pajjiżi Ewropej tjiebu ferm.
Il-kumpaniji Taljani, Portugiżi u Irlandiżi raw l-aqwa żidiet fil-valur tal-ishma tagħhom. Dawk Taljani u Portugiżi żdiedu bi 22% u dawk Irlandiżi b’20%. Dan seħħ wara snin ta’ diffikultajiet kbar f’dawn il-pajjiżi.
Is-swieq Franċiż u Ġermaniż ukoll raw żieda tajba ta’ madwar 16% fil-valur tal-kumpaniji li huma mniżżla fuq il-borża.
L-indiċi Amerikani, magħrufa bħala S&P500 u Nasdaq, issa ilhom tlett xhur f’livelli għoljin. Kienu ħadu spinta tajba fil-bidu tas-sena imma issa bħal donnu qed jibqgħu fl-istess ilma.
F’dan il-perjodu, id-dollaru Amerikan issaħħaħ ma’ bosta muniti. Bħal-lum sena, b’€1 kont tixtri $1.35. Illum b’€1 tixtri $1.12.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi dan l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment