“Bdiet it-tieni mewġa” – MUMN

Miguela Xuereb

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) avżat lill-membri tagħha li f’Malta bdiet it-tieni mewġa tal-coronavirus. Saħqet li qed tistenna li jiġu rreġistrati numri kbar ta’ każi għal numru ta’ ġimgħat, “nittamaw li mhux xhur”.

L-MUMN għaddiet dan il-messaġġ lill-membri tagħha meta ħabbret li l-infermiera se jissospendu l-azzjonijiet industrijali. Dan wara li “l-unjin laħqet qbil mal-Gvern dwar l-attivitajiet tal-massa u kwistjonijiet oħra b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti”.

Il-possibilità tat-tieni mewġa f’Malta semmietha l-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, Dr Tanya Melillo, meta ġiet intervistata waqt Newsbook Q&A.

“Jista’ jkun li din hi l-bidu tat-tieni mewġa, konna qed naħsbu li tiġi iktar tard lejn ix-xitwa”, spjegat Dr Mellilo.

Minkejja mistoqsijiet mill-midja, it-tieni mewġa llum ma ssemmietx fl-indirizzi tal-Prim Ministru Robert Abela, tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci. Matul dawn il-konferenzi ġew enfasizzati l-miżuri ta’ distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri.

Fil-laqgħa tal-bieraħ tal-imsieħba soċjali mal-Prim Ministru ġie konkluż li tingħata multa ta’ €50 għal min ma jilbisx maskra fuq il-karozzi tal-linja, fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u fil-ħwienet.

Il-programm Newsbook Hour li jixxandar is-Sibt bejn id-9am u l-10am fuq l-istazzjon tar-radju 103, għada se jkun jitratta l-aħħar żviluppi tal-Covid-19 f’Malta.