Bdiet il-kawża għall-Qdusija ta’ Patri Pedro Arrupe

Is-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-Ġiżwiti ħabbar li beda formalment il-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ Patri Pedro Arrupe, li kien imexxi din il-kongregazzjoni.

“Bdejna bis-serjetà l-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ Patri Arrupe”, qal Patri Arturo Sosa, is-superjur ġenerali attwali tal-Ġiżwiti, lil madwar 300 lajk u patri f’laqgħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Universitajiet tal-Ġiżwiti li saret f’Bilbao, Spanja.

“Għadna fil-bidu ta’ dan il-proċess, iżda l-Kardinal Vigarju ta’ Ruma, il-Kardinal Angelo de Donatis, ta l-approvazzjoni tad-djoċesi ta’ Ruma, fejn miet Patri Arrupe, biex jinfetaħ il-proċess tal-beatifikazzjoni.”

Is-Superjur Ġenerali talab il-kollaborazzjoni ta’ kull min għandu informazzjoni utli dwar Patri Arrupe li ddeskrivih bħala “bniedem tal-verità bbażata fuq Kristu u dedikat għall-missjoni fdata lilu, u l-akbar miraklu li għamel hu li aħna qegħdin hawn illum.”

Patri Arrupe diġa jissejjaħ “Serv ta’ Alla”. Il-Beatifikazzjoni – id-dikjarazzjoni li l-persuna hi Beatu, hi l-aħħar pass qabel il-kanonizzazzjoni.

Din l-aħbar tfisser li s-Soċjetà tal-Ġiżwiti qed tiddedika r-riżorsi tagħha biex tmexxi ‘l quddiem il-proċess tal-kanonizzazzjoni billi tiġbor testimonjanzi u provi ta’ mirakli li seħħew wara talb bl-interċessjoni ta’ Patri Arrupe.

Arrupe mexxa s-soċjetà tal-Ġiżwiti bejn l-1965 u l-1983.  Hu miet fil-5 ta’ Frar fl-infermerija tad-Dar tal-Ġiżwiti f’Ruma b’marda, fl-età ta’ 83 sena.