Bdew jinvestigawh qabel ingħata l-liċenzja f’Malta

Seyed Ali Sadr Hasheminejad, iċ-Ċermen u s-sid tal-Bank Pilatus, li ġie arrestat ilbieraħ, kien beda jiġi investigat mill-Istati Uniti qabel ma l-Bank ingħata l-liċenzja f’Malta.
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti jgħid li Al Sadr beda jiġi investigat fl-2013.
Skont dokumentazzjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, il-Bank Pilatus applika għal-liċenzja fis-6 ta’ Diċembru 2013 u ngħata liċenzja xi erba’ ġimgħat wara, jiġifieri fit-3 ta’ Jannar 2014.
Al Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti, fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran, billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115-il miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Min hu Seyed Ali Sadr Hasheminejad?
Seyed Ali Sadr Hasheminejad kien fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers.
Sadr huwa ta’ nazzjonalità Iranjana u minħabba f’hekk jaqa’ taħt sanzjonijiet internazzjonali, iżda kien allegatament qed juża passaport ta’ St Kitts and Nevis, ħaġa li qatt ma kienet miċħuda.
Minkejja dan, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) xorta ħarġet il-liċenzja għall-Bank Pilatus. 
Kien dan il-bank li kien qed iżomm kontijiet imsemmija fil-Panama Papers, bħal Tillgate Inc u Hearnville Inc inkluż il-kont tal-kumpanija Egrant, li skont allegazzjonijiet hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Meta l-whistleblower Russa,Maria Efimova, ukoll eksimpjegata tal-Bank Pilatus allegat li taf ta’ min kien il-kont Egrant, kien ġie rrappurtat li Seyed Ali Sadr Hasheminejad kien ġie Malta b’titjira privata speċjali.
Dakinhar kien inġibed filmat minn ġurnalisti tiegħu u ta’ impjegata tiegħu telqin mill-Bank Pilatus f’Ta’ Xbiex b’bagalja.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=Z9udhCjGXCU]

Minkejja li l-Bank kien iċ-ċentru tal-ispekulazzjonijiet kollha, il-Pulizija ma kinitx ordnata twaqqaf lil Seyed Ali Sadr Hasheminejad huwa u jaħrab minn Ta’ Xbiex bil-bagalja u maġistrat inkwirenti kien inħatar diversi sigħat wara.
Dakinhar kien ġie rrappurtat li waqt li kien għaddej dan kollu, il-Kummissarju tal-Pulizija Laurence Cutajar kien qed jiekol il-fenek l-Imġarr minflok issiġilla l-Bank Pilatus.
Aqra iktar hawn:
L-MFSA f'laqgħa urġenti dwar Pilatus Bank
Pilatus Bank: Neħħu l-liċenzja llum – PN; il-PM m'għandux poter – PL
Filmat: Pilatus maqjel tal-kriminalità; pulizija jintlemħu fil-Bank – attivisti

Pilatus Bank: X’qed jgħidu fuq l-arrest ta' sid il-bank?
Ritratt u filmat: Net TV