Bdew jaslu ventilators għall-isptar Mater Dei

Beppe Galea

Il-Gvern ħabbar li bdew jaslu u jitwaħħlu ventilators ġodda li ġew ordnati mill-Gvern. Dan tħabbar fil-Bullettin li ta’ kuljum qed jiġi ppubblikat mill-Gvern b’aħbarijiet relatati mal-imxija tal-coronavirus f’Malta.

Il-Gvern qal li dawn il-ventilators inxtraw biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ kura għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.

Fl-istess waqt il-Gvern fakkar ukoll kif fil-laboratorju tal-isptar bdiet taħdem il-magna robotika li kuljum kapaċi tagħmel mat-800 test għall-virus tal-Covid-19.

Fl-aħħar 24 siegħa s-swab tests qabżu s-749. Mindu bdiet l-imxija tal-Covid-19 xahar ilu, b’kollox saru 9,043 test. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jistennew ukoll il-verifika ta’ kits li mid-demm juru jekk persuna kellhiex il-virus, anke jekk qatt ma kellha sintomi, u jekk akkwistatx l-immunità għall-Covid-19.

Fl-istess bullettin twasslet il-Grazzi tal-Prim Ministru lill-forzi tal-ordni. Dan wara li dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, għamlu żjara spontanja fil-kumpless tal-RIU f’Ta’ Kandja.