Bdew it-taħdidet biex jintgħażel operatur ġdid tat-trasport pubbliku

Il-Gvern beda uffiċjalment it-taħdidiet mal-kumpanija li ntgħażlet mill-Bord tal-Aġġudikazzjoni bħala l-kumpanija li tefgħet l-aħjar offerta biex tħaddem it-trasport pubbliku f'Malta. 
Kien Newsbook.com.mt, l-ewwel li ħabbar kif dawn it-taħdidiet kienu se jibdew wara li saru d-diskussjonijiet mal-kumpaniji li tefgħu l-offerti tagħhom.
Hekk kif intemm il-proċess tal-verfika tal-offerti, il-Bord ressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern biex jibdew it-taħdidiet. 
Il-Gvern kien beda l-proċess sabiex jintgħażel operatur ġdid b'sejħa ta' interess internazzjonali wara li l-kumpanija Arriva kienet ħabbret it-tmiem tal-operat tagħha f'Malta.
Fil-preżent, it-trasport pubbliku qed jitħaddem mill-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport li twaqqfet apposta.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien żvela kif kienu bdew it-taħdidiet mal-kumpanija Spanjola, Autobuses Urbanos de Leon.
Apparti din il-kumpanija Spanjola tefgħu l-offerti tagħhom żewġ kumpaniji Maltin, Island Buses Malta u Gozo First, b'din tal-aħħar biex toffri s-servizz f'Għawdex.

Ritratt: maltabuses.piwigo.com