Aġġornata: ‘Il-bord tal-inkjesta jiġi kkonfermat meta tispiċċa l-konsultazzjoni’

Read in English.

Aġġornata bl-istqarrija tal-familja Caruana Galizia

Il-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta għadha mhix ikkonfermata sakemm jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni, saħqet il-familja Caruana Galizia fi stqarrija.

B’reazzjoni għall-istqarrija tal-gvern matul il-jum tas-Sibt, il-familja sostniet li għadha qed tistenna li tisma’ mingħand il-Gvern. Żiedet tgħid li se tkun qed tqajjem it-tħassib li tqajjem mill-pubbliku u li huma wkoll għandhom dwar l-inkjesta meta l-Prim Ministru Joseph Muscat jiddeċidi li jiltaqa’ magħhom.

Dwar il-konsultazzjoni tal-ħatra tal-bord tal-inkjesta, l-obbligi li l-istat għandu biex jikkonsulta mal-familja tal-vittma joħorġu minn Artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea fuq id-Drittijiet tal-Bniedem.

Fl-istqarrija l-familja osservat li l-Gvern fl-aħħar iddeċida li jiddiskuti l-membri tal-bord tal-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia dan wara li l-gvern naqas milli jwieġeb l-ittri legali mibgħuta mill-familja matul ix-xhur li għaddew.

Il-familja saħqet li huma bħal pubbliku jinsabu mħassba.

“Biex l-inkjesta indipendenti tkun skont il-liġijiet tagħna, trid tkun verament indipendenti, imparzjali u tgawdi mill-fiduċja tal-partijiet involuti,” saħqet il-familja Caruana Galizia.

Il-familja żiedet tgħid li huma għandhom fiduċja li l-membri li ġew ssuġġeriti jafu x’inhuma ir-rekwiżiti legali u għaldaqstant ma jkunx hemm bżonn ta’ applikazzjonijiet biex xi membru jirrikuża ruħu.

“Bdew il-kuntatti biex issir laqgħa bejn il-PM u l-qraba ta’ Daphne”

Il-Gvern jinsab f’kuntatt mal-qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia biex issir il-laqgħa li ntalbet mill-familja wara li tħabbret l-inkjesta indipendenti.

AQRA: Assassinju Daphne: Prof. Refalo mhux imparzjali – Repubblika

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Gvern ħabbar li l-inkjesta indipendenti ftit jiem qabel ma skada ż-żmien li ngħata mill-Kunsill tal-Ewropa. L-inkjesta se tkun qed titmexxa mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, u fuq il-bord ġew maħtura l-professur u avukat Ian Refalo u l-Kummissarju tal-għaqdiet mhux governattivi Anthony Abela Medici.

AQRA: Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

Il-familja ta’ Caruana Galizia fi stqarrija sostniet li l-ġustizzja titlob li l-membri tal-bord ma għandhom l-ebda rabta politika jew finanzjarja mal-amministrazzjoni preżenti. Sostniet li jkun għalxejn jekk ikun hemm dubji fl-indipendenza jew l-imparzjalità tal-membri tal-bord.

AQRA: Assassinju Daphne: ‘Se nanalizza t-termini tal-inkjesta’ – Omtzigt

Fl-istqarrija l-Gvern irreaġixxa għall-kummenti li saru mill-għaqda mhux governattiva Repubblika dwar il-ħatra tal-bord tal-inkjesta indipendenti.

Ġie nnuttat ukoll li ma saret l-ebda kritika lejn it-termini ta’ referenza li ngħata l-bord tal-Inkjesta. Il-Gvern iddefenda l-ħatra tal-Imħallef Michael Mallia fejn qal li r-rwol tiegħu fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-proċeduri kriminali fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jagħmel l-ebda jinterferixxi fil-pożizzjoni ta’ chairman ta’ dan il-bord.

Dwar ir-rwol tal-Prof. Ian Refalo , il-Gvern qal li Refalo għandu dritt jippratikka ix-xogħol professjonali tiegħu bħala avukat. Fl-istess mod, Dr Anthony Abela Mediċi ma’ jaqax direttament taħt il-Gvern fir-rwol tiegħu bħala kummissarju.

Repubblika twieġeb

Fi stqarrija Repubblika saħqet li l-ħatra tal-Imħallef irtirat Michael Mallia mhux dwar x’jaħsbu l-partijiet iżda jekk hux possibbli għal Mallia jżomm mat-termini ta’ referenza li għamel il-Gvern stess.

Dwar il-ħatra tal-professur Refalo, Repubblika saħqet li huma mhux qed jitkellmu fuq id-dritt tal-klijenti tiegħu li jfittxuh. Żiedet tgħid li l-avukati huma mistennija li ma jpoġġux lilhom infushom f’pożizzjonijiet kunfliġenti u jirrappreżentaw interessi ta’ klijenti li jmorru kontra xulxin jew li jkunu influwenzati minn interessi li huma ta’ xi ħadd mill-klijenti tagħhom.

‘X’se jiġri meta l-inkjesta jkollha bżonn tinvestiga l-aġenzija tal-gvern kontra l-ħasil ta’ flus?’ staqsiet Repubblika.

L-għaqda osservat li l-Kummissarju Abela Medici kien maħtur fil-11 ta’ Mejju 2018 u se jibqa’ fil-kariga għal tliet snin. Il-ħatra tiegħu tiġġedded mill-Gvern. Il-Gvern jista’ jneħħi lil Abela Medici mill-kariga tiegħu mingħajr ma jikkonsulta mal-Parlament. Għaldaqstant sostniet Repubblika, huwa ma jistax jiġi kkunsidrat bħala indipendenti.

Dwar il-kumment li l-gvern għamel fuq it-termini ta’ referenza, l-għaqda Repubblika sostniet li l-ewwel iridu jiġu iddentifikati dawk il-persuni li huma indipendenti u imparzjali skont kif inhu mitlub mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.