Bdejna ninterċettaw il-mowbajls 8 xhur qabel qatluha – Il-Kummissarju

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal fil-qorti li l-pulizija bdew jinterċettaw il-mowbajls tal-aħwa Degiorgio tmien xhur qabel seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fl-20 ta’ Frar tal-2017.

Dan qalu hu u jixhed illum fil-każ kostituzzjonali mressaq minn George Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil, li fih qed tiġi investigata l-validità tal-mowbajls interċettati u l-liġi li tippermetti dan.

Degiorgio fetaħ dan il-każ is-sena li għaddiet, peress li qal li l-Prosekuzzjoni ftaħret fuq l-interċettazzjonijiet tal-mowbajls li kienu kruċjali biex qabdet lill-akkużati.

L-investigatur ewlieni fil-każ, l-Ispettur Keith Arnaud, qal s-Servizzi Sigrieta Maltin jinterċettaw il-mowbajls biex jgħinu lill-pulizija jagħmlu sens mill-evidenza li jkollhom. Arnaud spjega lill-Imħallef Toni Abela li l-maġġorparti tal-evidenza li użaw il-pulizija ttieħdet mill-post tad-delitt, flimkien mal-evidenza forensika u l-informazzjoni diġitali li nġabret minn dawk li jipprovdu s-servizz.

L-informazzjoni meħuda mill-mowbajls ġiet analizzata mill-FBI, apparti mill-investigaturi Maltin. L-għajnuna tal-FBI kienet kruċjali, qal Arnaud, biex jiġu identifikati ħames numri tal-mowbajl, tnejn marbutin direttament mal-apparat li qabbad il-bomba, u tlieta oħra li mbagħad saru jafu kienu mowbajls finta, allegatament użati mis-suspettati biex iħawdu l-interċettar tal-mowbajls personali tagħhom.

Kienet telefonata li għamel George Degiorgio mill-mowbajl personali tiegħu dakinhar tal-isplużjoni li wasslet lill-investigaturi biex jissuspettaw li talab biex jittoppjawlu mhux il-mowbajl tiegħu, imma mowbajl ieħor. Imma dik it-telefonata, li ġiet interċettata mis-Servizzi Sigrieta Maltin (MSS) ma kinitx tkun biżżejjed. Arnaud qal li din it-telefonata ma fissret xejn waħedha

Arnaud spjega li kien hemm żewġ fatturi fl-investigazzjoni: il-mowbajls interċettati u analizi taċ-ċempiliet tas-suspettati. Din l-analiżi wriet in-numru tat-terza persuna li kienet ġiet ikkuntattjata minn George Degiorgio ftit qabel l-isplużjoni. Arnaud qal li t-terza persuna kienet imbagħad ikkonfermat il-messaġġ ta’ Degiorgio.

L-investigatur kompla jispjega li l-interċettazzjonijiet urew li wieħed mill-mowbajls finta mexa ma’ wieħed min-numri abbinat mal-apparat splussiv. Żied jgħid li l-aħwa Degiorgio kienu suspettati b’rabta ma’ reati oħrajn simili.

L-avukat ta’ Degiorgio staqsa lill-investigatur jekk ikkonfermax jekk l-MSS kellhiex mandat għall-interċettazzjonijiet. Arnaud spjega li dan ma kienx fl-obbligu tiegħu, imma li hu għadda rapport lill-Kummissarju fl-20 ta’ Frar tal-2017, jistaqsih biex jitlob lill-MSS tgħin fil-moniteraġġ ta’ Degiorgio b’rabta ma’ każijiet oħra. Arnaud qal li hu qatt ma ra l-mandat.

Fil-qorti l-Ispettur ippreżenta CD b’filmat tal-interrogazzjoni ta’ George Degiorgio meta l-pulizija semmgħulu t-telefonata. Degiorgio ma kienx irreaġixxa u lanqas ma wieġeb mistoqsijiet.

Il-Kap tal-MSS Joseph Bugeja xehed ukoll illum, iżda fil-magħluq, mingħajr il-preżenza tal-midja fuq talba tal-Prosekuzzjoni.