“Bdejna billi solvejna l-kriżijiet, issa nħarsu lejn il-futur”

Il-Prim Ministru u l-mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat sostna li fl-2013, meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern sab numru ta’ kriżijiet. Saħaq li dawn ġew solvuti u issa l-istrateġija hi li l-Gvern iħares lejn il-futur tal-pajjiż.
Dan qalu dalgħodu waqt attività politika fiċ-Ċentru Laburista tal-Imqabba, fejn insista li l-amministrazzjoni preċedenti kienet aktar tamministra milli tmexxi, għax fi kliemu kienu jibżgħu.
Kompla jgħid li l-poplu tella’ l-Partit Laburista fil-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet u mhux biex joqgħod lura.
Fost il-kriżijiet semma l-finanzi tal-Gvern, id-dejn tal-Gvern, il-qagħad, it-tul żejjed fid-diskussjonijiet Parlamentari u l-waiting lists fl-isptarijiet. Stqarr li dawn issolvew jew huma fil-proċess li jissolvew.
“Qegħdin naħsbu mhux għal għada imma għal pitgħada”
Fid-diskors tiegħu, il-Mexxej Laburista qal li l-Gvern qed jaħseb għal pitgħada billi jsaħħaħ dak li għandu l-pajjiż Malti.
Sostna li f’Malta għad hawn lok għall-fabbriki ġodda u l-manifattura speċjalizzata. Min-naħa l-oħra qal li kuntent jara li kumpaniji li qabel kienu jimpjegaw 50 ruħ, issa qed iżidu impjieg għal 10 oħra.
Semma wkoll il-kumpaniji tal-blockchain u l-Fintech li jinsisti li ħa jkunu qed ipoġġu lil Malta f’pożizzjoni unika minħabba l-qafas regolatorju li hawn f’Malta biss.