BBC: Direttur b’dixxendenza Maltija fost l-investigati

Marcus Agius huwa fost seba’ diretturi tal-BBC li qed jiġu investigati dwar ħlas ta’ kumpens qawwi ta’ flus lil numru ta’ impjegati tal-kumpanija. Qed jitqies li dawn ma kienux intitolati li jitħallsu dawn il-flejjes.

Agius, li hu ta' dixxendenza Maltija, kien Ċermen tal-Bord Eżekuttiv responsabbli mill-kumpens li jingħata lill-ħaddiema tal-BBC u kellu paga ta’ £47,000. Intqal li s-seba’ diretturi li ttellgħu jixhdu, bejniethom kellhom paga ta’ £1.6 miljun.

F’dawn il-jiem id-diretturi tal-BBC qed jidhru quddiem kumitat tal-Parlament Ingliż li qed jinvestiga kif flus, li l-pubbliku jħallas għal-liċenzja tal-BBC, ingħataw lil maniġers fi rwoli għolja fil-kumpanija meta rreżenjaw. Fost l-oħrajn, l-ex-direttur ġenerali, Mark Byford, ingħata £1 miljun.

S’issa sar smiegħ ta’ tliet siegħat quddiem il-kumitat tal-Parlament u l-Membri Parlamentari Ingliżi mistennija jippublikaw rapport iebes dwar użu ħażin ta’ fondi pubbliċi mill-BBC.