Bayern Munich joffru għajnuna finanzjarja għal proġetti li jagħżel il-Papa

L-għada li ħallew impatt fiċ-Champions League, b’rebħa qawwija fuq it-tim ta’ Roma, il-plejers u d-diriġenti ta’ Bayern Munich żaru lill-Papa Franġisku fil-Belt tal-Vatikan.
Il-Papa, li llum hu magħruf għall-imħabba tiegħu għall-futbol, iċċajta mal-plejers dwar ir-riżultat ta’ lejliet.
Kellimhom dwar l-impatt tal-isport u plejers bħalhom u l-importanza li dawn għandhom fil-ħajja ta’ ħafna tfal u żgħażagħ.
Il-plejers ippreżentaw żewġ rigali lill-Papa – ballun iffirmat minnhom u flokk tat-tim, b’isem il-Papa u ffirmat ukoll minnhom ilkoll.
Id-diriġenti ta’ Bayern Munich offrew lill-Papa biex is-sena d-dieħla jorganizzaw partita għall-karità li minnha jagħtu miljun ewro għal proġetti u inizjattivi li jagħżel il-Papa.