Bayern Munich jitilfu fil-finali

Eintracht Frankfurt għelbu lil Bayern Munich bl-iskor ta’ 3-1 sabiex rebħu t-Tazza Ġermaniża; l-ewwel trofew tagħhom wara 30 sena.
Ante Rebic poġġa lil Eintracht Frankfurt fil-vantaġġ wara 11-il minuta qabel ma’ Robert Lewandowski kiseb id-draw għal Bayern Munich fit-53 minuta. Hekk kif il-logħba bdiet riesqa lejn tmiemha, Bayern Munich ħolqu bosta azzjonijiet perikolużi iżda kienu Eintracht Frankfurt li resqu viċin ir-rebħa bit-tieni gowl tal-Kroat Rebic.
Ir-rebbieħa tal-Bundesliga komplew jattakkaw bit-tama li jiksbu l-gowl tad-draw iżda kien Mijat Gacinovic ta’ Eintracht Frankfurt li skorja f’lasta vojta wara li Sven Ulreich inqabad barra minn postu.
Jupp Heynckes safa’ megħlub fl-aħħar logħba tiegħu bħala kowċ ta’ Bayern Munich filwaqt li Niko Kovac, li mistenni jieħu post Heynckes, temm l-esperjenza tiegħu ma’ Eintracht Frankfurt bl-aħjar mod possibbli.