Bay Street jiċċelebra l-15-il sena u iżjed

Il-Ħadd, 22 ta’ Novembru, se jiġi ċċelebrat il-15 anniversarju mill-inawgurazzjoni tal-Kumpless ta’ Bay Street fil-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan. Barra minn hekk se jsir il-ftuħ uffiċjali tar-Real Ice Rink.
Se jkun jum mimli attivitajiet għal kulħadd, fosthom familji, b’divertiment live matul il-jum, opportunità biex it-tfal jiltaqgħu mal-karattri favoriti tagħhom tal-cartoons u d-dinosawri – inkluż tnejn bl-ewwel dehra tal-Indominus Rex – wirjiet tal-maġija u tal-pupazzi. Dan minbarra l-opportunità biex wieħed jiltaqa’ mal-atturi li jaħdmu fi Strada Stretta, Frozen u Star Wars.
Fost il-kantanti magħrufa li se jieħdu sehem matul il-jum hemm Fiona Cauchi, Larissa Borg u t-trio band tagħha, Elisa Muscat, DJs Pierre Cordina u Alessia De Martino, Dance College, il-Waterfall Dancers, il-Fantasy Showgirls u l-Alison White Dance Cabaret show.
Tim minn Strada Stretta se jagħti awards speċjali lil żewġ veterani tal-palk, Jane Marshall u Josette Ciappara, għall-kontribut straordinarju li taw lit-teatru fuq medda kbira ta’ snin.
Fost dawk preżenti se jkun hemm ukoll Father Christmas. Se jkun hemm kejk b’xejn u dħul bla ħlas għall-Ice Rink, li se jiftaħ għall-ewwel darba dan l-istaġun u jibqa’ miftuħ matul il-festi tal-Milied sa Marzu, 2016.