‘Battibekk u ping-pong politiku’

L-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anglu Farrugia irregola li l-allegat Ksur ta’ Privileġġ mill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fir-rigward tad-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli ma kienx għajr battibekk, “bickering u ping pong politiku”. Hekk ukoll, ma sab ebda Ksur ta’ Privileġġ minn ġurnalist u kameraman ta’ One TV fir-rigward tad-Deputat Nazzjonalista Tonio Bezzina.
Waqt is-Seduta tat-Tnejn 15 ta’ Ġunju, Portelli talbet ruling mill-iSpeaker fuq kummenti li Mizzi għadda waqt il-mistoqsijiet supplimentari fejn allega li matul il-perijodu li fih serviet bħala membru tal-Bord tal-WasteServ hija kienet imħallsa għal xogħol li ma wettqitx. Hija ċaħdet dan u sostniet li Tweġiba Parlamentari tal-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Bidla fil-Klima Leo Brincat tikkonferma dan. Fil-verdett tiegħu, l-iSpeaker spjega li kien ċar li Mizzi ma kienx qed jirreferi għall-attendenza tagħha għal-laqgħat tal-Bord tal-WasteServ iżda għall-ħlas fis-salarju tagħha li kien ikopri l-ispejjeż tat-trasport bejn Malta u Għawdex.
Fl-istess seduta, Bezzina allega Ksur ta’ Privileġġ minn ġurnalisti ta’ One TV li fi kliemu mblokkawlu d-dħul tiegħu fil-Parlament. L-iSpeaker sostna li l-filmat tal-kameras tas-sigurtà juru li l-ġurnalist u l-kameraman tal-istazzjon imsemmi avviċinaw lil Bezzina barra miż-żona riservata għall-Membri Parlamentari u fl-ebda ħin id-Deputat nazzjonalista ma kellu xi diffikultà milli jkompli fi triqtu lejn il-Parlament minkejja li għal xi mumenti il-ġurnalist daħal quddiemu.