Battibekk sħiħ fuq is-siġġu parlamentari ta’ Simon Busuttil

Fuq il-midja soċjali qamet diskussjoni sħiħa fuq il-kumment li għamel id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, li fost affarijiet oħra dalgħodu kiteb li Simon Busuttil għandu jċedi s-siġġu parlamentari ġaladarba ma jibqax Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fost il-kummenti, kien hemm min qabel ma’ Mario Galea u ddeskrivew kliemu bħala onest, filwaqt li oħrajn ikkritikawh u qalu li Simon Busuttil għandu jibqa’ jirrappreżenta lil dawk li tellgħuh.
Fost oħrajn, taħt il-post ta’ Mario Galea, kiteb l-eks-Deputat Nazzjonalista Franco Debono li wieġeb kważi lil kull min ikkummenta.
Debono ma qabilx ma’ Mario Galea u qal li Simon Busuttil għadu żgħir u għad għandu x’joffri fil-Parlament. Skont Debono, il-paniku qed iqum fost dawk li jappoġġjaw lill-kandidat Adrian Delia, għax fi kliem Franco Debono ħadd mhu lest iċedilu s-siġġu parlamentari.
Galea wieġbu jinsisti li hu fl-ebda ħin ma semma l-kandidatura ta’ Delia.
Mario Galea spjega li Simon Busuttil għandu jirreżenja mill-Parlament biex fi kliemu “ma jibqax fid-dell tal-kap il-ġdid.” Filwaqt li ddeskriva lil Busuttil bħala onest li għamel sagrifiċċji kbar għall-partit, ħeġġu biex “jiskot” u ma jiħux aktar deċiżjonijiet importanti li jorbtu lill-kap ta’ warajh.
Fakkar ukoll li Lawrence Gonzi “kien ġentlom” u ċeda s-siġġu meta ma baqax Kap tal-Partit Nazzjonalista. Iżda ħafna qalu li hemm differenza bejn Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, għax Busuttil qatt ma kien Prim Ministru bħal Dr Gonzi. Oħrajn ġabu l-eżempju tar-Renju Unit u fakkru kif meta l-konservattivi biddlu kapijiet, ħafna drabi dawn baqgħu fil-Parlament mingħajr ħadd ma ndaħal lill-kap il-ġdid.
Fost is-suġġerimenti l-oħra li għamel Mario Galea kien li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiddiskuti mal-Grupp Parlamentari qabel jitkellem, biex il-Grupp Parlamentari ma jibqax “rubber stamp”. Saħaq li fil-każ tal-koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista saru jafu minn fuq il-midja.
Tkellem ukoll dwar il-vot ħieles u qal li f’kwistjonijiet ta’ kuxjenza, id-Deputati għandhom jingħataw il-libertà li jivvotaw kif iħossu. Insista li l-Partit Nazzjonalista għandu jerġa’ jibda jgħożż u jħaddan il-valuri li ddistingwewh.
Dwar karigi importanti bħal dak ta’ Segretarju Ġenerali, Mario Galea saħaq li għandhom jiġu kkontestati u mhux imposti, filwaqt li ħeġġeġ lill-partit biex jilqa’ fi ħdanu nies li fil-passat tawh kontribut tajjeb.
Id-Deputat Nazzjonalista kompla jgħid li waqt li ħafna kienu jgħidu li taħt Dr Gonzi kien hemm il-klikek, il-verità hi li l-klikek jeżistu issa u għandhom jiġu mrażżna dawk li saru “allat” tal-partit.
Dwar dawn il-kummenti kien hemm min qabel li fil-Partit Nazzjonalista għad hemm min jaħseb, filwaqt li oħrajn huma tal-fehma li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fiex qiegħed, għax “kulħadd ifajjar.”

Ritratt: Ian Noel Pace