Battibekk fil-Parlament dwar l-FIAU

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ċaħad fil-Parlament li qatt intervjena fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija jew tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus. 
Huwa kien l-aħħar Ministru tal-Gvern li għamel dan wara li fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn kemm il-Ministru Evarist Bartolo kif ukoll il-Ministru Josè Herrera għamlu l-istess ċaħda.
Il-Ministru Cardona kien qed jirrispondi għal domanda supplimentari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech fid-dawl ta’ kummenti li għadda l-eksinvestigatur tal-FIAU Jonathan Ferris. Skont Ferris, f’każ partikolari, kien hemm intervent ta’ ministru fejn saret talba għal informazzjoni dwar investigazzjoni li kienet qed issegwi l-pulizija.
Ferris kien qal li hemm xi ministri tal-Gvern li ppruvaw jintervjenu fl-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel l-FIAU fil-każ tal-Bank Pilatus.
Dr Cardona qal li qatt ma kellem lil Ferris u lanqas qatt intervjena mal-Kummissarju tal-Pulizija dwar investigazzjonijiet tal-Pulizija. Fl-istess ħin, eskluda wkoll il-possibilità li kien hemm xi ministru ieħor li seta’ għamel dan.
Madanakollu, fuq mistoqsija oħra, din id-darba tad-deputat nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-Ministru tal-Ekonomija qal li hu kien qed jeskludi lilu personali biss.
Fuq insistenza min-naħa tal-Oppożizzjoni, id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li hu kien qed jifhem li l-Ministru issa kien qed jgħid li hu ma kienx f’pożizzjoni li jeskludi wkoll lil sħabu membri tal-kabinett.
Fuq  din il-kwistjoni, intervjena l-Ispeaker Anġlu Farrugia li qal li jeżisti ruling li jgħid li membru parlamentari jista’ jikkoreġi r-risposta preċedenti tiegħu fl-istess seduta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Cardona temm jgħid li fuq din il-kwistjoni ma kellux iktar x’jgħid.