Battibekk fuq id-dibattitu dwar il-baġit

Kien hemm batibekk bejn Gvern u Oppożizzjoni fil-kumitat għax-xogħol tal-kamra dwar id-dibattitu li se jsir nhar l-Erbgħa dwar il-miżuri li tħabbru lbieraħ mill-Gvern waqt konferenza tal-aħbarijiet f’forti Sant’Iermu.

Il-battibekk tal-bieraħ qam meta d-deputat kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius talab lill-whip Laburista Glenn Bedingfield għal dokument li fuqu l-Oppożizzjoni tkun tista’ tibbaża d-diskussjoni tagħha peress li l-Gvern ma kienx se jippreżenta l-ebda mozzjoni.

Bedingfield qal li d-dibattitu bla vot għandu jsir fuq dak ippreżentat mill-Ministru tal-Finanzi.

Agius staqsa jekk l-gvern isibx diffikultà biex jippreżenta mozzjoni parlamentari li tkun tinkludi l-miżuri li ftit tal-ħin wara kien se jħabbar il-gvern. Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar stqarr li hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela kemm ‘il darba biddel il-verżjoni ta’ dak li qal il-viċi-Prim Ministru, ikun tajjeb li d-diskussjoni ssir fuq dokument jew mozzjoni.

Dan wassal lid-deputat Prim Ministru u leader of the House Chris Fearne biex jgħid li għadha ssir diskussjoni miftuħa u kulħadd għandu jħoss il-libertà li jipparteċipa.

Cutajar ippropona wkoll li ssir diskussjoni fuq l-ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li fiha qed tissuġġerixxi li kamra jew sala fil-parlament tissemma’ għal Daphne Caruana Galizia.