​Battibekk bejn il-PN u l-PL dwar l-enerġija

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jżomm mal-wegħda li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali li jlesti l-Power Station ġdida sa Marzu li ġej sabiex ikun jista' jiffinanzja r-roħs tal-kontijiet tad-dawl kif wiegħed.
Il-PN sostna li l-poplu Malti jistenna li jserraħ rasu li l-Prim Ministru mhux se jerġa' lura minn dak li wiegħed. Intqal li s-serjetà u r-responsabbiltà politika jitolbu li l-Prim Ministru jżomm mal-wegħda li għamel.
Intant b’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jserraħ rasu dwar ir-roħs fil-kontijiet. Intqal li bl-istess mod kif f’Marzu ta’ din is-sena, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu kif imwiegħed għall-familji, f’Marzu li ġej se jkunu qed jorħsu l-kontijiet għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil m’hu kreddibli xejn dwar il-qasam tal-enerġija.