Battibekk bejn il-Gvern u Metsola dwar id-direttiva Ewropea tat-tfal

Il-Ministeru għall-Ġustizzja qed isostni li l-Membru tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola għandha tikkorreġi fil-Parlament Ewropew dak li qed iseħħajlu “żball” dwar id-direttiva Ewropea kontra l-abbuż u l-isfuttament tat-tfal.
Il-battibekk bejn il-Gvern Malti u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista nqala wara li Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew tkellmet dwar din id-direttiva u ikkundannat lill-Gvern fejn sostniet li naqas li jdaħħal fis-seħħ fil-liġi lokali din id-direttiva.
Hija fakkret ukoll li fil-preżent Malta qed taffaċċa proċeduri għax naqset milli ddaħħal din il-liġi fiż-żmien stipulat.
Għal din l-istqarrija, l-Ministeru għall-Ġustizzja sostna li din id-direttiva Ewropea daħlet fil-liġijiet Maltin tmien xhur ilu.
Il-Ministeru qal ukoll li huwa inaċċettabbli li Membru tal-Parlament Ewropew ma tafx li din id-direttiva daħlet fis-seħħ.
Dwar din id-dikjarazzjoni, Roberta Metsola kkonfermat li l-Gvern daħħal fis-seħħ din id-direttiva wara li l-Kummissjoni Ewropea bdiet azzjoni kontra Malta.
Qalet li l-Gvern kien reattiv u żbalja meta l-ewwel qagħad jistenna l-Ewropa tieħu azzjoni kontra Malta.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja qed isostni li d-direttiva Ewropea daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Diċembru tal-2011 fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Ikkonkluda li kien Gvern Nazzjonalista li għamel ħażin u din id-direttiva ma ġietx implimentata fil-liġi immedjatament.