Battibekk bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar l-infurzar lokali

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-aġenzija li se titwaqqaf biex tieħu ħsieb l-infurzar lokali, se tagħti l-bidla li l-poplu jixtieq u ddaħħal ġustizzja u sensibilità.
Il-Gvern qal li bħalissa hemm riżorsi li qed jiġu sparpaljati waqt li s-sistema tal-infurzar lokali hi biss magna tal-ħruġ taċ-ċitazzjonijiet.
Saħaq li b’din l-aġenzija ġdida, se jkun hemm bidla fis-sistema tal-lum u anke fil-ħames Reġjuni li huma responsabbli mill-infurzar lokali.
B’hekk, spjega l-Gvern, anke r-Reġjuni jservu l-funzjoni tagħhom, li jkunu s-saff tan-nofs bejn il-Gvern Ċentrali u t-68 kunsill lokali.
Iktar kmieni din is-sena, Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ Michael Cohen, konsulent tal-Gvern, dwar ir-riforma tal-infurzar lokali b’mod speċjali dwar xogħol il-gwardjani lokali.
Il-Gvern qal dan fl-istess ħin li l-Oppożizzjoni ppreżentat Mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia biex jiġi rtirat l-avviż legali li jwaqqaf l-aġenzija tal-infurzar lokali.
L-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-avviż legali jmur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà għax is-sistema tal-infurzar lokali se tittieħed minn dawk eletti mill-poplu għal għand individwu magħżul mill-Ministru.
Il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, il-Kelliem tal-Ġustizzja Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Kunsilli Lokali David Agius, saħqu li l-persuna magħżula ntagħżlet mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
L-Oppożizzjoni qalet li bl-avviż legali, il-persuna maħtura se tmexxi hi l-aġenzija u tiddeċiedi hi fejn isir jew ma jsirx infurzar lokali, b’periklu ta’ preferenzi u tentazzjonijiet.
Fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni baqgħet tinsisti li l-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ sentejn oħra m’għandhiex titħassar b’deċiżjoni tal-Gvern. 
Il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni lill-Ispeaker tista' tinqara mil-link t'hawn taħt: