Battibekk bejn de Marco u l-Gvern dwar il-Ministru Scicluna

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario de Marco qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kellu jirreżenja filwaqt li l-Gvern qal li de Marco “qed jiddefendi lill-Mafja fil-Qorti”.

F’ittra ppubblikata fil-gazzetta Times of Malta Mario de Marco qal li l-Ministru Edward Scicluna naqas milli jagħmel xogħlu sew.

Skont de Marco, il-prova ta’ dan huma l-istqarrijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li jgħidu li kien hemm nuqqasijiet sistematiċi f’Malta. Jgħid li Scicluna pprefera li jipproteġi lill-kollegi tiegħu fil-Kabinett milli l-uffiċjali u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Il-Kelliem tal-PN qal li wara l-verdett tal-EBA li jikkritika lill-FIAU u lill-Ministru, Scicluna għażel li jattakka lill-istess EBA. Mario de Marco qal li Scicluna kellu jirreżenja jew jitkeċċa.

Reazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi

Fi tweġiba għall-artiklu ta’ de Marco, il-Ministeru għall-Finanzi qal li de Marco jinsab f’paniku hekk kif il-partit tiegħu jinsab maqsum f’biċċiet ftit qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Skont il-Gvern, għadu kif ġie żvelat li membri tal-PN kienu qed jaħdmu ma’ terzi biex isir frame-up kontra l-Prim Ministru permezz tal-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant.

IL-Gvern qal li de Marco mhuwiex f’pożizzjoni li jippriedka dwar il-ħasil tal-flus. Il-partit qal li de Marco qed jiddefendi lill-‘Ndragheta (grupp tal-Mafja) f’każ dwar ħasil tal-flus bħala l-avukat tagħhom.

de Marco jwieġeb

Fit-tweġiba tiegħu għall-istqarrija tal-Gvern, de Marco qal li Sicluna għażel li jinjora l-punti prinċipali tal-argument tiegħu biex minflok jattakkah b’mod personali.

Il-Kelliem tal-PN qal li huwa xogħol avukat li jiddefendi lill-klijenti tiegħu. Żied jgħid li Ministru m’għandux jiddefendi istituzzjoni li sidha jkun arrestat u lanqas m’għandu jiddefendi kollegi li jkunu msemmijin f’rapporti tal-FIAU minħabba ħasil tal-flus.

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ikkonkludiet li l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus minħabba numru ta’ nuqqasijiet li jinkludu nuqqasijiet fil-proċeduri kif ukoll nuqqas f’azzjonijiet ta’ superviżjoni mill-FIAU hekk kif il-każ tal-bank Pilatus kien magħluq mingħajr mal-Aġenzija ma applikat sanzjonijiet fil-konfront tal-bank.