Battibekk bejn il-partiti dwar il-prezz tal-fjuwil  

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwel wasslet ukoll għal batibekk bejn il-partiti.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żieda fil-prezzijiet ta’prodotti essenzjali bħala l-fjuwel qed iħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.  Fi stqarrija, l-Partit qal li ż-żieda ta’ 5 ċenteżmi fil-prezzjijiet tal-fuels kienet daqqa oħra f’sensiela ta’ daqqiet li qed jaqilgħu l-familji Maltin.

Il-PN qal li wara li l-Gvern ftaħar li l-prezz tal-fjuwil inżamm stabbli għal sena sħiħa meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fost l-irħas li qatt kien, issa ddeċieda li jżid il-prezz meta l-prezz taż-zejt għadu fil-livell medju ta’ $57-il barmil.

Meta fis-sena 2012 Gvern Nazzjonalista raħħas id-diesel b’6 ċenteżmi u l-petrol b’ 2 ċenteżmi, fi żmien li l-prezz medju taż-żejt kien saħansitra ta’$110-il barmil, il-Partit Laburista kien għamel plejtu sħiħ għax messu raħas iktar!

Min-naħa tiegħu, l-Partit Laburista qal li li kieku l-gvern kellu jadotta l-politika tal-Partit Nazzjonalista l-prezz tal-fuel kien ikun ilu li żdied u kien ikun ferm ogħla milli hu llum.

Il-PL qal bil-politika tal-gvern preżenti, il-prezz tal-fuel inżamm irħas mill-medja Ewropea u minkejja ż-żidiet li kien hemm fil-prezz internazzjonali, għal sena sħiħa l-prezz f’Malta inżamm stabbli. Dan filwaqt li f’pajjiżi oħra kien qiegħed jogħla.

Min meta nbidel il-Gvern fl-2013 il-prezz tal-petrol niżel b’għaxar ċenteżmi u dak tad-diesel bi tnax –il ċenteżmu. Dan irrifletta l-bidliet li kien hemm anke madwar l-Unjoni Ewropea. B’kuntrast fi żmien Gvern Nazzjonalista l-prezz tal-petrol u d-diesel kien jiżdied ferm iktar minn kemm ikun żdied f’pajjiżi oħra. Għalhekk il-PN mhux kredibbli meta joqgħod jikkwota l-prezzijiet internazzjonali.