Batistuta jikkritika bl-aħrax lil Sanpaoli

L-eksattakkant internazzjonali Arġentin, Gabriel Omar Batistuta, waqt intervent illi għamel fi stazzjon lokali Radio La Red, ikkritika bl-aħrax lill-kowċ Jorge Sanpaoli illi naqas li jsejjaħ lil Gonzalo Higuain għall-partita ta’ ħbiberija li l-Arġentina ser tilgħab kontra r-Russja f’Novembru illi ġej.
“Sanpaoli xejn m’hu qed jittratta lil Gonzalo tajjeb. Minħabba xi żbalji li għamel mhux lest itih ċans u dan qed jagħmel lill-plejer aktar frustrat u diżappuntat.”
Batistuta, li kien attakkant prolifiku kemm mat-tim nazzjonali kif ukoll ma’ Fiorentina u Roma, jemmen illi jekk jingħata ċ-ċans Higuain jista’ jagħmel dak li jaf.
Bħalissa l-Pipita, kif inhu mlaqqam dan il-plejer, qed isibha diffiċli anke ma’ Juventus fejn minkejja li skorja xi gowls, qed jitlef ħafna ċansijiet quddiem il-lasta.