Aġġornata: L-Isqallin jieħdu lura bastiment maħtuf minn Libjani

Aġġornata fis-1.00pm:
Bastiment tas-sajd Sqalli, "Airone", li mal-lejl inħataf minn Libjani meta kien ftit 'il barra mill-kosta tal-Libja, reġa' spiċċa f'idejn l-Isqallin u jinsab fid-direzzjoni lejn Sqallija.
Skont rapporti internazzjonali, Libjani b'armi telgħu fuq il-bastiment ftit wara t-3.00am, ħadu l-kontroll tiegħu u dawruh lejn Miżurata.
Iżda skont l-aħħar rapporti, jidher li l-membri tal-ekwipaġġ – tliet Sqallin u erba' Tuneżini – irnexxielhom jieħdu lura l-kontroll meta qaflu lil-Libjani fil-kabina.
Għadu mhux ċar jekk oriġinarjament kienux tnejn il-Libjani li telgħu fuq il-bastiment. 
"Airone", li hu bastiment tas-sajd ta' madwar 30 metru, jinsab lura fil-baħar Taljan.
Matul in-nofstanhar ta' dalgħodu, l-awtoritajiet Taljani kienu f’kuntatt ma’ dawk Libjani hekk kif it-tensjoni hi għolja bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment minn meta l-Italja għalqet l-ambaxxata tagħha fil-Libja.