Bastiment tas-sajd Sqalli ilu 37 ġurnata miżmum f’Malta

Bastiment tas-sajd Sqalli ta’ propjetarju minn Sirakuża ilu miżmum f’Malta mid-9 ta’ Diċembru li għadda.
Rapporti fil-midja Taljana qed isostnu li apparti l-bastiment Mariella qed jinżammu f’Malta wkoll il-membri tal-ekwipaġġ.
Ġie rrappurtat li l-bastiment daħal fil-port wara ħsara fil-mutur u l-Isqallin qed isostnu li kienu qed jistadu f’baħar internazzjonali iżda l-bastiment fil-preżent jinsab miżmum fil-Port il-Kbir.
Fil-midja, ir-rappreżentant legali iddeskriva l-atteġġjament tal-awtoritajiet Maltin bħala illegali u mhux konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali.
Huwa qed jinsisti li l-awtoritajiet Taljani għandhom jindirizzaw din is-sitwazzjoni biex is-sajjieda jkunu jistgħu imorru lura Sqallija.
Jirriżulta li fi Frar tas-sena li għaddiet, l-istess bastiment kien spiċċa f’nofs ta’ baħar qrib il-kosta Libjana minħabba ħsara fil-mutur u kien ġie rmunkat lejn Malta wara ħidma kkordinata miċ-ċentru nazzjonali f’Ruma.
L-aħħar każ ta’ din ix-xorta fejn bastiment tas-sajd kien miżmum, seħħ fl-2013 meta sajjieda Sqallin minn Scoglitti kien inżammu arrestati wara li kienu nqabdu mill-Forzi Armati ta’ Malta jistadu fil-baħar territorjali Malti.
Dakinhar iż-żewġ sajjieda Sqallin kienu ġew immultati €20,000 kull wieħed.
Il-każ kien wassal biex saru programmi televiżivi dwar il-mod kif is-sajjieda kienu nżammu f’Malta u laqgħat tal-Assoċjazzjoni tas-Sajjieda Sqallin ma’ Deputati Taljani li riedu jidħlu f’diskussjonijiet mal-Gvern Malti biex jiġi rivedut il-baħar territorjali Malti u s-sajd fil-Mediterran.