Aġġornata: Bastiment allegatament maħtuf mill-immigranti ġej lejn Malta – Rapporti

Il-bastiment li qed jingħad li kien allegatament “maħtuf”, El Hiblu 1, telaq mit-Turkija għall-Libja. Il-bastiment salva daqs 108 immigrant minn fuq il-baħar. Però, ir-rapporti juru li l-immigranti ħadu kontroll tal-vapur meta skoprew li qed jittieħdu lura Tripli.

Il-midja Torka Haber Turk qed tirrapporta li l-kaptan huwa Tork, u fost l-ekwipaġġ hemm erba’ Indjani, Libjan, u sitta oħra li n-nazzjonalità tagħhom għadha mhix ikkonfermata.

Il-bastiment irrapurtat li ġej lejn Malta, iżda websajt li żżomm rekord ta’ bastimenti fuq il-baħar turi li l-vapur sejjer fid-direzzjoni tal-Libja. Però, l-pożizzjoni tal-bastiment ilu ma jkun aġġornat għal 16-il siegħa, li jaf tfisser li tfew is-sistema.

Skont tracker onlajn, ħelikopter Malti kien allegatament qed iħuf fiż-żona waqt li l-immigranti kienu f’periklu li jgħerqu u possibilment anke waqt il-ħidma ta’ salvataġġ.

Il-Forzi Armata ta’ Malta u l-Gvern Malti jitkellmu

Intant kelliem għall-Forzi Armata ta’ Malta ikkonferma l-każ ma’ Newsbook.com.mt u spjega li l-bastiment daħal fir-reġjun ta’ Malta iżda għadu ma laħaqx il-baħar territorjali Malti. Spjega li mhux ċert jekk il-bastiment hux direzzjonat lejn Malta hekk kif għadu f’territorju li fih jista’ jkun sejjer ukoll Lampedusa. Sostna li hemm ċans ukoll li dan huwa każ ta’ ħtif, iżda s’issa ma hemm xejn ċert.

Newsbook.com.mt ġie mistoqsi biex jibgħat mistoqsijiet oħra lill-Forzi Armata ta’ Malta bil-kitba, meta staqsa dwar in-numru ta’ immigranti u jekk hux każ ta’ ħtif.

Newsbook.com.mt ikkuntattja kelliema għall-Gvern Malti li spjegat li l-Gvern jinsab konxju b’din is-sitwazzjoni u bħalissa qed jissorveljaha. Madanakollu ma kelliex aktar informazzjoni disponibbli. Meta mistoqsija dwar ir-rapporti ta’ allegat ħtif tal-bastiment, il-kelliema għall-Gvern qalet li mhix f’pożizzjoni li tikkonferma din l-informazzjoni.