Bastiment ġdid isalva immigranti mill-għarqa

Twitter/MSF_Sea

Read in English.

Persuni li kienu jinsabu fuq dingi f’ibħra internazzjonali ‘il barra mil-Libja ġew salvati dalgħodu permezz ta’ ħidma ta’ bastiment ġdid bl-isem ta’ Ocean Viking.

Il-bastiment tat-tiftix u s-salvataġġ qed jiġi operat minn SOS Mediterranee u t-Tobba Mingħajr Fruntieri (MSF) beda l-ħidma tiegħu ftit tal-jiem ilu. Riċentament, l-istess bastiment ġie rrifjutat milli jidħol Malta biex jieħu l-fuel.

Il-ħidma ta’ salvataġġ ġiet imħabbra permezz ta’ tweet mill-MSF fejn spjegat li l-immigranti kollha jinsabu abbord il-bastiment tagħha.

Aqra: L-MSF u l-SOS Mediterranee se jerġgħu jibdew joperaw l-ħidma tat-tfittxija u salvataġġ fil-Mediterran

Il-bastiment li qed isalpa bil-bandiera Norveġiża telaq mill-port ta’ Marseille fl-4 ta’ April. Skont l-NGOs, il-bastiment kien ġie mibni biex isalva ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fuq riggijiet taż-żejt. Il-bastiment iżomm fuqu 200 persuna u għandu wkoll erba’ dgħajjes żgħar għall-ħidmiet ta’ salvataġġ. Il-bastiment qed jopera bi staff mediku komplut grazzi għall-MSF.

Aqra: Bastiment li jsalva l-immigranti ma ngħatax fjuwil mill-awtoritajiet Maltin

Il-Ħamis, MSF u SOS Mediterranee qalu li ma tħallewx jidħlu Malta bil-bastiment Ocean Viking sabiex jimtela bil-fuel. MSF allegat li r-raġuni li taw l-awtoritajiet Maltin kien minħabba n-natura tal-ħidma ta’ tiftix u salvataġġ tal-bastiment.

121 persuna għadhom bejn sema u ilma

Intant 121 immigrant għadhom bejn sema u ilma abbord il-bastiment Spanjol Open Arms. Il-Ħamis, il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli kiteb lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tieħu azzjoni immedjata sabiex twaqqaf is-sofferenzi tal-persuni abbord dan il-bastiment.

L-ekwipaġġ tal-bastiment tal-NGO Proactiva Open Arms salva 53 immigrant u żewġ trabi minn fuq dgħajsa l-Ħamis li għadda. Aktar tard dakinhar stess, l-istess bastiment salva 69 persuna oħra. Is-Sibt, żewġ nisa tqal ġew evakwati minn fuq il-bastiment.