Aġġornata: Bastiment b’xi immigranti jistenna struzzjonijiet biex jidħol Malta

Il-bastiment Golfo Azzuro li għandu fuqu numru żgħir ta’ immigranti jinsab ftit ‘il barra mill-kosta Maltija jistenna’ struzzjonijiet biex jidħol Malta.
Kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li d-dgħajsa qed tistenna struzzjonijiet miċ-Ċentru għall-Kordinament tas-Salvataġġ fuq il-Baħar (MRCC), li hu bbażat f'Ruma, biex il-bastiment  ikun jista’ jidħol Malta.
It-talba saret mill-ekwipaġġ tal-bastiment mhux biex jitniżżlu l-immigranti imma biex membri tal-NGO ikunu jistgħu jinżlu Malta biex minn hawn jaqbdu ajruplan lejn Ruma.
Għadu mhux magħruf kemm hemm immigranti abbord. 
Intant il-Kelliem tal-Oppożizzjoni David Stellini kiteb fuq Twitter jikkundanna l-fatt li l-NGO responsabbli mill-bastiment qed tirrifjuta li tiffirma kodiċi ta' etika u appella lill-Gvern biex ma jħallix dan il-bastiment jidħol fl-ibħra Maltin.
"Il-Gvern Malti ma għandux jaċċetta l-bastiment" – David Stellini

Sadanittant, fuq Twitter, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, David Stellini, ikkundanna lill-NGO, is-sid tal-bastiment, għax mhux tiffirma l-kodiċi ta' etika u appella lill-Gvern Malti biex ma jaċċettax il-bastiment fl-ibħra Maltin. 
Stellini kien qed jirreaġixxi għall-artiklu tal-Malta Today li qal li l-Awtoritajiet Taljani mhux qed jaċċettaw il-bastiment għax l-NGO li tmexxih mhux tiffirma l-kodiċi ta' etika ġdid għall-għaqdiet involuti fit-tixtix u s-salvataġġ tal-immigranti.
L-istess portal qal ukoll li l-Gvern Malta qed jinsisti mal-Gvern Taljan li għandu jħalli l-bastiment jidħol fil-port ta' Lampedusa, għax meta ġew salvati l-immigranti dak kien l-eqreb port.
Newsbook.com.mt bagħat ukoll xi mistoqsijiet lil kelliem mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iżda sal-ħin tal-kitba għad ma waslux tweġibiet.