Bastiment anti-Iżlam u anti-migrazzjoni fil-Mediterran “biex iwaqqaf l-immigrazzjoni”

Bastiment ikkummissjonat minn grupp tal-lemin estrem intbagħat fil-Mediterran biex iwaqqaf l-immigrazzjoni.
Il-grupp Generation Identity għandu preżenza qawwija fil-Ġermanja, Franza u l-Italja, u l-politika tiegħu hija waħda kontra l-Iżlam u kontra l-immigrazzjoni.
Il-missjoni semmewha Defend Europe, u d-dgħajsa se tkun qed tbaħħar lejn il-Mediterran sabiex ixxekkel lill-persuni li qed jittraffikaw lill-migranti fil-kosta Libjana, kif ukoll tgħasses fuq organizzazzjonijiet li jsalvaw lil dawn il-persuni biex tara li qed jagħmlu xogħolhom sewwa.
Persuni li qed imexxu l-bastiment qalu li l-NGOs li qed isalvaw lill-migranti mill-baħar qed imorru jiġbruhom qrib wisq tal-kosta Libjana, allura qed jgħidu lit-traffikanti Libjani biex ikomplu b’xogħolhom għax hemm min isalvahom ftit ’il bogħod.
Huma jikkonkludu li l-NGOs b’hekk qed jgħinu aktar lit-traffikanti, u jinstigaw aktar migrazzjoni.
Generation identity jemmnu li l-immigrazzjoni bil-massa qed tibdel il-karattru tal-Ewropa.
Madwar terz tal-migranti li waslu fl-Ewropa dis-sena ġew min-Niġerja, il-Guniea u l-Kosta tal-Ivorju.
L-NGO ibbażata f’Malta, il-MOAS, qalet li għalkemm it-tfittxija u s-salvataġġ minn fuq il-baħar mhumiex is-soluzzjoni l-perfetta, għandha dmir li ssalva dawn il-ħajjiet minn ħalq il-mewt. L-NGO dejjem tkellmet favur li jinħolqu rotot aktar siguri u legali għall-migranti.
L-organizzazzjoni qalet li mill-2014 salvat mat-30,000 ħajja.