​Baskitbol: Midalja tal-bronż għat-tim nazzjonali tan-nisa

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa akkwista midalja tal-bronż fil-Kampjonat Ewropew tal-Pajjiżi z-Zgħar, wara li għeleb lill-Iskozja fil-logħba għat-tielet u r-raba' post.
Fil-fażi tal-gruppi Malta tilfet 46-85 kontra l-Iżlanda li eventwalment rebħu l-grupp filwaqt li għelbu lill-Ġibiltà 25-93 biex spiċċaw it-tieni fi Grupp B u qatgħu post fis-semi-finali.
Hawn iltaqgħu mal-Awstrija, li eventwalment rebħu l-kompetizzjoni u tilfu 58-46.
Malta kien imissha tilgħab għall-midalja tal-bronż fejn għelbu lill-Iskozja 66-59 u hekk spiċċaw fit-tielet pożizzjoni u b'midalja tal-bronż.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius feraħ lit-tim tan-nisa tal-baskitbol u lil kowċ Angela Adamoli u l-assistent tagħha Christoph Stolp għal din ir-rebħa importanti.
Huwa faħħar l-impenn tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Baskitbol, taħt it-tmexxija tal-President Paul Sultana, li f'dan l-aħħar xahar irnexxielhom jakkwistaw 4 midalji; deheb mit-tim Nazzjonali maskili ta' taħt is-16-il sena, fidda mit-tim Nazzjonali tan-nisa ta' taħt is-16-il sena u fidda mit-tim Nazzjonali tal-irġiel, minbarra din il-midalja tal-bronż mit-tim Nazzjonali tan-nisa.