Bashar al-Assad: L-Amerikani se jitilfu fis-Sirja bħal ma tilfu fil-Vjetnam

F’intervista esklussiva ma’ ġurnal Russu, il-President tas-Sirja Bashar al-Assad għadda messaġġ lill-mexxejja tal-pajjiżi li qed jiġġieldu kontra r-reġim tiegħu u qallhom li s-Sirja hu stat indipendenti u se jibqa’ jiġġieled it-terroriżmu.  Saħaq li “qed jarralu min qed jaħseb li s-Sirja se ssir pupazz tal-pajjiżi tal-Punent”.

Mistoqsi dwar il-possibiltà li l-Istati Uniti jinvadu s-Sirja, Bashar al-Assad irrimarka li “jekk l-Istati Uniti mhux se jirnexxielhom jinvadu s-Sirja u se jfallilhom kull pjan u attakk, bħal ma ġralhom fil-Vjetnam”.

Sostna li  l-Istati Uniti daħlu f’ħafna gwerer u kunflitti imma qatt ma rnexxielhom jilħqu l-miri politiċi. Temm jgħid li l-Istati Uniti “lanqas qatt irnexxielhom jikkonvinċu liċ-ċittadini dwar il-bżonn ta’ gwerra”.

Dwar l-allegati akkużi li s-Sirja użat armi kimiċi, il-president Sirjan attakka lill-Istati Uniti għal fatt li dawn ma jistgħux ikunu jafu x’għamlet is-Sirja minn kilometri ‘l bogħod.  Sostna li l-eżerċitu Sirjan ma jistax ikun uża armi kimiċi f’żona fejn hemm is-suldati tiegħu stess.  Fir-realtà, kompla jgħid Bashar al-Assad, iż-żona fejn qed jgħidu li ntużaw dawn l-armi, mhemm l-ebda linja ċara li taqsam is-suldati u r-ribelli.

al-Assad qal ukoll li s-Sirja kienet minn tal-bidu li talbet lill-kummissjoni internazzjonali tal-Ġnus Maqgħuda biex tinvestiga l-każi ta’ reati militari fil-pajjiż. Semma wkoll meta “it-terroristi sparaw missili kimiċi fuq il-belt ta’ Aleppo”.

Skont l-organizazzjoni tat-tobba u infermiera Medecins sans Frontiers, fi tliet sptarijiet ta’ Damasku daħlu 3,600 pazjent ibatu minn sintomi tossiċi.  Minn dawn mietu 356 persuna.