Barty se tagħti l-premju ta’ Brisbane lill-fond ta’ għajnuna kontra n-nirien

L-istilla tat-tennis Awstraljana Ashleigh Barty qalet li se tkun qed tagħti l-ammont kollu ta’ flus li tirbaħ mill-Brisbane International għall-fond iddedikat biex jiġġieled kontra n-nirien li qed jaħkmu lill-Awstralja.

Barty li għandha 23 sena qeda fl-ewwel post fis-singles u se tkun qed tilgħab flimkien ma’ Kiki Bertens fid-doubles. Il-kompetizzjoni toffri t-total ta’ 1,434, 900 dollari Awstraljani. Barty spjegat kif bħalissa għaddejjin avvenimenti kbar fl-Awstralja li għandhom bżonn jingħataw l-attenzjoni.

Minn Settembru li għadda, in-nirien fl-Awstralja qatlu minn tal-inqas 24 persuna, u r-rapporti jgħidu li nqatlu mal-480 miljun annimal.

Aktar minn 1,200 dar spiċċaw trab u miljuni ta’ għelieqi inħarqu.