Bartolo u Thake jieħdu l-ġurament tal-ħatra

Ritratt: Net TV

Ivan Bartolo u David Thake ħadu l-ġurament ta’ deputati Nazzjonalisti wara li lbieraħ ġew eletti fl-elezzjonijiet każwali biex jimtlew is-siġġijiet battala ta’ Marthese Portelli u Simon Busuttil fid-disa’ u fit-12-il distrett rispettivament.

Fl-ewwel diskors tiegħu, Bartolo qal li l-atmosfera fil-Parlament hi ferm differenti minn kif tidher minn fuq il-mezzi tax-xandir. Min-naħa tiegħu, Thake qal li jħossu privileġġat li qed jagħmel dan l-ewwel diskors kif ukoll irringrazzja lil Simon Busuttil li hu ħadlu postu. 

Fl-elezzjonijiet każwali li saru lbieraħ, Thake rebaħ b’xagħra wara li hu u l-kandidata l-oħra, Graziella Galea, kienu ras imb ras. Thake kiseb is-siġġu hekk kif il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li r-rebbieħ għandu jkun il-kandidat bl-ikbar ammont ta’ voti mal-ewwel għadd. Thake ġab 1,654 vot filwaqt li Galea kisbet 1,323.

Mill-banda l-oħra Bartolo ġie elett wara li mas-sitt għadd kiseb il-kwota, dik ta’ 2,206 vot.