Barriera tinbidel fl-ikbar impjant fotovoltajku privat f’Malta

Ritratt: DOI (Jeremy Winnacott)

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment l-ikbar impjant fotovoltajiku privat f’Malta li hu magħmul minn 16,896 pannella fotovotajika mifruxa fuq medda ta’ 90,000 metru kwadru ta’ art. L-impjant, li jinsab fiż-żona magħrufa bħala tal-Imsielet fil-limiti tal-Imġarr, se jkun qed jiġġenera biżżejjed enerġija għal 2,200 dar.

Dr Abela qal li dan hu proġett kruċjali Malta tilħaq miri ambjentali ġodda li qed tinsisti dwarhom il-Kummissjoni Ewropea li mhux biss jeħduna lejn is-sena 2030, iżda wkoll lejn il-mira tal-2050.

Id-Direttur tal-Imsielet Solar Ltd, David Zammit, sostna li din il-barriera fl-Imsielet, li nbidlet fl-ikbar impjant fotovoltajiku f’Malta, se tiġġenera madwar 8,600 KW ta’ enerġija fis-sena. Is-Sur Zammit qal li minkejja li l-impjant hu mifrux fuq medda ta’ 90,000 metru kwadru ta’ art, il-pannelli huma mifruxa fuq medda ta’ 50,000 metru kwadru bil-kumplament tal-art tintuża għat-tħawwil ta’ madwar 3,300 siġra u għall-aċċess tal-istess impjant.

Il-Prim Ministru fisser dan il-proġett bħala mudell ta’ kif  Malta għandha tħares lejn ir-riġenerazzjoni tal-barrieri u biex jinstab il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Huwa rrimarka li wieħed ma jistax ikun iħobb l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż iżda jwarrab l-ambjent.