Barka speċjali mill-Papa

Pope Francis
FILE PHOTO: Pope Francis speaks during his general audience as it is streamed via video over the internet from a library inside the Vatican, March 18, 2020. Vatican Media/Handout via REUTERS

Il-Papa ħabbar li se jagħati b’mod straordinarju l-barka imsejħa Urbi et Orbi (lill-belt ta’ Ruma u lid-dinja), illum il-Ġimgħa fis-6pm. Għal din l-okkażjoni se jinġieb is-salib Mirakoluż li jinsab f’San Marcello al Corso.

Din hi okkażjoni straordinarja għax fis-snin li għaddew din il-barka kienet tingħata darbtejn fis-sena, fil-Milied u fl-Għid. Ħafna kienu jistennew li nhar l-Għid jew il-Milied il-Papa jgħid bil-lingwa Maltija; “L-Ghid it-tajjeb” u “Il-Milied it-tajjeb lill-poplu kollu ta’ Malta u ta’ Għawdex.”

Għada hu mument differenti. Id-dinja għaddejja minn moment straordinarju u Papa Franġisku jixtieq permezz ta’ dan il-ġest jkun viċin tal-kulħadd.

Ħa jkun mument ta’ ġabra u talb fejn il-Papa, mill-pjazza tal-Vatikan, li ser tkun vojta. “Qed nistieden lil kulħadd biex jipparteċipa spiritwalment permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni” qal il-Papa.

Is-salib mirakoluż

Ftit tal-ġranet ilu kien propju quddiem dan is-salib u quddiem ix-xbieha tal-Madonna mgħarufha bħala Salus Populi Romani (Marija Saħħa tan-nies ta’ Ruma) li l-Papa mar jitlob.

Dan is-salib li ser jinġieb fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan hu meqjum fil-Knisja ta’ San Marcello al Corso ġewwa Ruma. Hu meqjus bħala mirakoluż wara ma nħaraqx meta fl-1519 l-knijsa inħarqet kompletament.

Ftit snin wara, fl-1522 Ruma kienet mifnija bil-Pesta. Dan is-salib dar ma’ Ruma kollha fuq talba tal-poplu tal-belt. Għal 16-il jum, bejn l-4 u l-20 ta’ Awwissu 1522, dar iż-żoni kollha tal-Belt u hu meqjus li salva lill-popolazzjoni Rumana minn din il-marda qerrieda.