Barcelona jitfu l-ħolma ta’ Juventus

It-tim ta' Barcelona ta’ Louis Enrique hu ċ-ċempjin tal-Ewropa. 
Il-gowls ta’ Ivan Rakitic, Luis Suarez u Neymar, tfew il-ħolma tal-Juventini biex forsi wara 19-il sena jerġgħu jieħdu lura Turin l-aktar tazza prestiġġjuża Ewropea. 
Il-finali taċ-Champions League fl-Olimpiastadion ta' Berlin, spiċċat bl-iskor ta’ 3-1 u bid-dmugħ ta’ Andrea Pirlo fost l-oħrajn. 
Għalkemm tilef il-finali, it-tim ta’ Allegri xorta jista’ jiftaħar li kellu staġun mill-aqwa hekk kif minkejja kowċ ġdid, il-Juventus irnexxielhom jirbħu kemm il-lig kif ukoll il-Coppa Italia. 
It-tazza tac-Champions League kienet tkun iċ-ċirasa fuq il-kejk, li iżda marret għand Barcelona u hekk irnexxielhom jirbħu tliet tazzi fi staġun wieħed.
Kienet logħba missielta mill-bidu nett, b’Rakitic jitfa’ lil Barcelona fil-vantaġġ fl-ewwel tliet minuti. Fit-tieni taqsima Morata ġab id-dro għal Juventus u għal ftit kien hemm it-tama li l-Juventus tista’ tirbaħ il-kompetizzjoni. 
Iżda l-gowl ta’ Suarez, reġa’ poġġa fuq quddiem lill-Katalani.  Il-gowl finali ta’ Neymar issiġilla r-rebħa għall-Ispanjoli. 
F’temp ta’ 10 snin, Barcelona rebħet ħames darbiet il-UEFA Champions League. 
Ma jistax jingħad l-istess għal Juventus hekk reġgħet tilfet rebħa oħra minn ħalqha, is-sitt waħda mit-tminn logħbiet tal-finali li rnexxielha tilgħab.