Barca jilħqu ftehim ma’ Rabiot

Rapporti fil-midja Spanjola qed jindikaw li Adrien Rabiot mistenni jħalli lil Paris Saint Germain sabiex jingħaqad ma’ Barcelona fil-jiem li ġejjin. Il-midfielder Franċiż jinsab fl-aħħar sena tal-kuntratt attwali tiegħu u PSG lesti li jbigħuh issa sabiex jevitaw li jmur ma’ klabb ieħor b’xejn matul is-sajf li ġej.

Rabiot se jingħaqad mar-rebbieħa tal-kampjonat Spanjol għas-somma ta’ £36m hekk kif il-Blaugrana qed ifittxu akkwisti ġodda wara li Andres Iniesta u Paulinho telqu lejn il-Ġappun u lejn iċ-Ċina rispettivament.

Il-midfielder ta’ 23 sena tħalla barra mit-tim Franċiż li ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja fir-Russja u rrifjuta li jkun parti mil-lista proviżorja tal-istess tim nazzjonali.