Barbra Streisand iżżufjettat b’Donald Trump

Ritratt: Richard Corkery/Getty Images

Ma kienet sorpriża għal ħadd li meta Barbra Streisand, jumejn ilu, tat l-ewwel kunċert tagħha f’Madison Square Garden mill-2006 iżżufjettat bl-aktar persuna li tħobb twaqqa’ għaċ-ċajt — lill-President Amerikan Donald Trump.

Barbra Streisand kantat Send in the Clowns, diska klassika fl-Istorja tal-mużika pop, fejn bidlet xi kliem u għamlet referenza għall-formoli moħbija tat-Taxxa tad-Dħul ta’ Donald Trump, in-nuqqas tal-ħila tiegħu meta jinnegozja fuq livell internazzjonali u temmet kollox billi sejħitlu qarrieq u ‘He’s full of s—’ imma skużat ruħha għax qalet li ma kienx xieraq tgħid l-aħħar kelma.

Il-kantanta qalet li n-nies jgħidu li hi tħobb titkellem wisq fuq il-politika. “Imma xi trid tagħmel,” kompliet tgħid, “Jiena minn New York u aħna kollha għandna ħalq kbir.”

Mat-tmiem tal-kunċert fakkret li l-album tagħha li ħareġ f’Novembru li jġib l-isem ta’  Walls, referenza diretta għall-ħajt li Donald Trump irid itella’ bejn l-Istati Uniti u l-Messiku. L-album ħareġ fiż-żmien fejn il-kontroversja dwar il-ħajt kienet fl-aqwa tagħha, bl-ewwel track Don’t Lie to Me b’referenza għall-klima politika ġdida  Amerikana li ħakmet lill-pajjiż minn mindu Trump laħaq President.