Barbie bi stil David Bowie

Il-kumpanija Mattel li timmanifattura l-pupi Barbie fakkret lill-kantant David Bowie fil-11 ta’ Lulju fl-okkażjoni tal-50 sena minn meta kien għamel suċċess bil-kanzunetta tiegħu Space Oddity. Barbie saret fuq l-istil ta’ Ziggy Stardust li l-kantant kien għamel furur bih fis-snin 70.

Barbie l-ġdida tlibbset fl-istil glam-rock kif kien jippreżenta ruħu fuq il-palk il-kantant għall-applaws tas-segwaċi tiegħu, b’boots ħomor u xagħar aħmar stil mullet, maqtugħ qasir fil-ġnub u fuq ir-ras imma mħolli twil fuq wara.

Qabel ma l-kumpanija Mattel fasslet lil Barbie stil Bowie huma ċċekkjaw id-dettalji kollha mal-organizzazzjoni David Bowie Archive biex jiżguraw irwieħhom li jkunu preċiżi f’kollox.

Il-pupa l-ġdida qed tinbiegħ madwar €45. Imma t-talba għaliha tant kienet kbira li bilkemm issib tixtriha minn fuq siti fuq l-internet.