Barack Obama jikkummenta dwar il-kampanja elettorali f’Malta

Il-fatt li f’Malta dalwaqt għandna elezzjoni ġenerali waslet anke f’widnejn il-President tal-Istati Uniti Barack Obama.

Permezz ta’ filmat fuq YouTube Obama għadda messaġġ lil Partit Nazzjonalista u Laburista dwar kif qed imexxu din il-kampanja elettorali.

Skont kliemu, Obama jidher li ma tantx ħa gost li l-partiti sselfu xi ideat minn tiegħu … bħal ngħidu aħna l-billboards. Jgħaddi wkoll kumment dwar il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Imma biex ngħidulkom il-verità, għax forsi jkun hawn minn jemmen li Obama verament bagħtilna filmat, dan il-filmat hu riklam tad-dramm dokubuffu bl-isem ta’ “L-Indimonjati u l-Maltin l-oħra” . B’mod umoristiku, id-dramm se jagħti ħarsa lejn x’ġara fix-xena politika matul is-sena li għaddiet.

Il-produzzjoni se tittella’ fit-Teatru Manoel fit-22, 23 u 24 ta’ Frar li ġej.