​Baqgħu jikbru xtieli tal-kannabis fir-roundabouts

Sa Settembru li għadda f'xi roundabouts u soft areas f’Għawdex kienu għadhom qed jikbru pjanti li jidhru li huma tal-kannabis.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, hu mifhum li dawn il-pjanti kienu qed jikbru miż-żerriegħa li kien għad hemm fir-roundabouts, minn meta saret is-sejba ħames xhur ilu. Fost l-oħrajn, fl-aħħar xahar instabu xi xtieli fis-soft area li hemm ħdejn il-venda tal-karozzi tal-linja fir-Rabat.
F’Mejju li għadda, sitt ħaddiema tal-Environment Landscape Consortium (ELC) elevaw aktar minn 200 xitla taħt is-superviżjoni tal-pulizija, wara li nħareġ digriet mill-Maġistrat Paul Coppini. Minkejja dan, jidher li kien għad fadal xi żerriegħa tal-pjanta fil-ħamrija.
Infurmati li sa issa ħadd għadu ma ġie arrestat b’rabta ma’ dan il-każ. Ma’ Newsbook.com.mt, il-Pulizija qalet li kemm l-investigazzjonijiet kif ukoll l-inkjesta mill-Maġistrat Coppini għadhom għaddejjin.
Ħames xhur ilu, ġardinara tal-ELC kienu sabu pjanti tal-kannabis waqt li kienu qed jispezzjonaw iż-żoni bil-fjuri. Il-pjanti kienu nstabu kull fejn kien hemm miżrugħa fjuri staġjonali u wħud minnhom kienu twal 10 ċentimetri.
Fost l-oħrajn il-kannabis kienet instabet fir-roundabouts u s-central strips f’Għajnsielem, fix-Xewkija, f’Marsalforn, ir-Rabat kif ukoll fir-roundabout Ta’ Ħamet bejn ix-Xewkija u x-Xagħra.
Ritratt: Arkivji