Baqar jinżammu ġo bastiment għal 20 jum

Bastiment b’għadd ta’ baqar fuqu ġej mill-Istati Uniti qed jistkenn fil-port tal-Belt Valletta. Il-baqar ilhom magħluqin fl-istess bastiment għal 20 jum.

Kelliema minn Animal Liberation Malta tkellmet ma’ Newsbook.com.mt dwar din is-sitwazzjoni u qalet li tinsab konvinta li wħud minnhom mietu mat-triq. Spjegat li meta jmut annimal abbord, normalment jitfgħuh fil-baħar peress li jekk jinżamm ħdejn l-oħrajn, jaf jinfirex xi virus minnu għall-annimali l-oħra.

L-NGO esprimiet it-tħassib tagħha dwar dan, u dwar saħħet il-baqar f’dawn il-kundizzjonijiet. Qalet li l-bastiment normalment jieqaf għal ġurnata jew jumejn u mbagħad ikompli bil-vjaġġ tiegħu.

Annimali li jkunu qed imutu jintefgħu ġol-baħar ukoll peress li fuq il-bastiment ma jkunx hemm veterinarju. Il-veterinarju jrid ikun hemm biss meta l-annimali jkunu qed jitgħabbew fuq il-bastiment, imma l-liġi ma titlobx li jkun preżenti għall-vjaġġ.

Il-bastiment Holstein Express li għandu bandiera tal-Lussemburgu wasal Malta llum fit-3pm. Huwa telaq mill-Istati Uniti fit-8 ta’ Diċembru.