Baqa’ ma sar xejn sena wara l-wegħdi tal-Gvern dwar il-kostruzzjoni – Kamra tal-Periti

Read in English.

Il-Kamra tal-Periti qal li sena wara li l-Gvern wiegħed riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni baqa’ ma sar xejn.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Periti ppreżentat ittra datata fit-2 ta’ Awwissu 2019 b’ħafna wegħdi u kliem dwar riformi. L-ittra kienet iffirmata mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u mis-Segretarju Permanenti għall-Infrastruttura Christopher Cutajar.

Illum il-Kamra tal-Peritit bgħatet ittra lill-Prim Minsitru Robert Abela biex tfakkru dwar dak li kien wiegħed il-Gvern Laburista.

Il-Kamra qalet li ma tistax tifhem kif din l-industrija titwarrab min-naħa tar-regolazzjoni però mbagħad titpoġġa fuq quddiem mill-aspett ekonomiku. Saħqet li din l-attitudni li kollox jgħaddi qed iwassal għall-imwiet tan-nies.

Il-Periti jemmnu li m’hemm ebda industrija oħra hija regolata inqas mill-industrija tal-kostruzzjoni, minkejja li din suppost hi pilastru tal-eknomija. Il-Kamra tal-Periti fakkret ukoll fil-mewt ta’ Miriam Pace f’Marzu tal-2020. Pace mietet meta ntradmet taħt it-tifrik tad-dar tagħha fil-Ħamrun. Qalet li r-rabja li ħass Robert Abela dakinhar hija r-rajba li jħossu huma ta’ kuljum minħabba fallimenti fis-sistema.

Fakkret li ilha mill-2007 titlob riforma fl-industrija tal-kostruzzjoni. Spjegat li f’Ġunju tal-2020 il-Kamra talbet biex issir laqgħa mal-Prim Ministru biex tkun tista’ tippreżenta l-proposti tagħha imma l-Pertiti qatt ma semgħu xejn mingħand l-Uffiċċju tal-PM. Il-Kamra qalet li l-industrija tinsab fi kriżi u li l-Gvern qed juri inkompetenza. Qalet li qed iqum dubju dwar kemm huwa kommess il-Gvern li jindirizza l-problemi.