Aġġornata: Jinbiegħu 15,000 biljett għall-logħba bejn Malta u l-Italja

Daqs tliet ġimgħat oħra fil-grawnd ta’ Ta’ Qali se tintlagħab il-logħoba tal-futbol bejn Malta u l-Italja, mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2014.

Għal din il-partita mistennija jattendu eluf ta’ Maltin. Filfatt, il-kelliem tal-MFA Mark Attard qal lil Newsbook li sa issa nbiegħu madwar 15,300 biljett.

Biljetti għall-bejgħ baqa’ kważi 2,000. Ma baqax biljetti għall-Millenium Stand.

Kien verament f’logħob importanti li l-grawnd nazzjonali f’Ta’ Qali kien mimli bin-nies. L-aħħar logħba fejn il-biljetti inbiegħu kollha kien fis-7 ta’ Settembru 2007, Jum il-Vitorja, meta Malta lagħbet kontra t-Turkija u dakinhar l-iskor spiċċa tnejn bi tnejn.

F’Diċembru 1992 il-Maltin kienu tilfu 2-1 kontra t-tim Taljan. Fl-1984 il-grawnd ta’ Malta kien ippakkjat ukoll meta Malta tilfet 2-3 mal-Ġermanja.

Okkażżjoni oħra meta l-grawnd nazzjonali kien mimli bin-nies kien meta l-Papa Ġwanni Pawlu II ġie Malta u fis-27 ta’ Mejju 1992 il-grawnd kien mimli żgħażagħ.