Aġġornata: Bannister se jirriżenja mill-MFSA f’Marzu li ġej

Il-Prim Ministru ħabbar li Joe Bannister se jirriżenja minn Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) f’Marzu li ġej, u minn dakinhar ’il quddiem se jservi ta’ konsulent għall-Gvern.
Dr Muscat kien qed jitkellem waqt l-ikla annwali tan-Netwerk Malti għan-Negozju, meta tkellem dwar Bannister.
Irrimarka li sadanittant John Mamo se jkun qed jieħu post Bannister bħala Ċermen mhux Eżekuttiv, u għalhekk fil-jiem li ġejjin l-MFSA tħabbar lil min se taħtar ċermen.
Aktar kmieni dis-sena l-PM kien diġà tkellem dwar ix-xewqa ta’ Bannister li jirriżenja u ma jlestix it-terminu kollu, li jispiċċalu fl-aħħar tal-2018, meta dakinhar kien qal li Bannister qallu li xtaq jirriżenja sa anki fil-bidu ta’ dis-sena.
Dakinhar kien intqal li r-raġuni kienet waħda personali, mhux politika, u lanqas sfurzata.
Riċentement isem Bannister tfaċċa fil-gazzetti wara l-pubblikazzjoni tal-Paradise Papers.
Ġie żvelat li Bannister kellu rabta ma’ intrapriża Russa fis-settur tal-minjieri, liema kumpanija tirreferi għal Bannister bħala parti mill-maniġment. Dil-kumpanija nfetħet fil-British Virgin Islands meta Bannister kien għadu Ċermen tal-MFSA.
Barra minn hekk, dis-sena l-MFSA laqtet kritika talli naqset milli tieħu azzjoni f’waqtha kontra l-Bank Pilatus.
Il-Professur Joe Bannister kien ilu Ċermen Eżekuttiv tal-MFSA sa mill-1999, u kien Ċermen ta’ dak li kien imsejjaħ iċ-Ċentru Malti għas-Servizzi Finanzjarji bejn l-1995 u l-1997.
Il-PN jaqbel mal-ħatra tal-Professur John Mamo fl-MFSA
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għal din l-aħbar, billi qal fi stqarrija li jaqbel mal-ħatra ta' John Mamo bħala Ċermen mhux Eżekuttiv tal-MFSA.
Żied jgħid li għandu fiduċja fl-abbilitajiet tal-Prof. Mamo u jawguralu suċċess f'dan l-irwol ġdid li se jokkupa.