Banksy mhux vera arrestat

L-aħbar li Scotland Yard arrestat lill-artist Banksy kienet falza.
Artiklu li deher fuq il-websajt Amerikana National Report ġennen lill-mezzi tax-xandir Ingliżi wara li ilhom snin jippruvaw jiskopru l-identità tar-re tal-graffiti.
Din il-websajt (magħrufa għall-artikli mhux veritieri) qalet li nkixfet l-identità ta’ Banksy wara l-arrest minn Scotland Yard minħabba vandaliżmu.   
Imma Jo Brooks, il-kelliem tal-artist qal li Banksy mhux vera ġie arrestat u wisq anqas sar magħruf l-isem propju tiegħu.
Dan ifisser li Banksy għadu qed idur fit-toroq ta’ Londra, bil-bott tal-ispray f’idejh, jara u jaħseb fejn se jpinġi l-graffiti li jmiss.