Bank Tork mistenni jinvesti €60 miljun f’Malta b’fergħa ġdida

Bank fit-Turkija mistenni jiftaħ fergħa ġdida f’Malta biex iżid il-klijenti kummerċjali u korporattivi barra mill-pajjiż.
Fuq il-midja internazzjonali din il-ġimgħa tħabbar li f’Malta, dan il-bank se jibda b’€60 miljun kapital.
Jidher li l-bank Yapi Kredi Malta għandu permess mill-Aġenzija tar-Regolamenti u Superviżjoni tal-Banek fit-Turkija, u għandu wkoll l-ewwel permessi mill-awtoritajiet legali f’Malta. Skont stqarrija mill-Yapi Kredi, il-bank f’Malta se jkun imħaddem direttament mill-Yapi Kredi Holding BV, li hu affiljat mal-bank Tork fl-Olanda.
Din is-sena, il-bank Yapı Kredi, qed jiċċelebra s-70 sena mit-twaqqif tiegħu. Sal-aħħar tal-2013 kellu 950 fergħa u 3,000 ATM.