Bank of Valletta tiġi kklassifikata BBB+

Standard & Poor’s għadha kemm assenjat klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ BBB+ lill-Bank of Valletta bi prospettiva stabbli. In-nota ta’ riċerka tenfasizza l-pożizzjoni dominanti tas-suq tal-BOV, in-netwerk sod tal-fergħat tal-Bank u l-bażi ta’ finanzjament stabbli tad-depożiti tal-klijenti.
S&P tinnota wkoll il-progress li għamel il-Bank biex inaqqas l-istokk tiegħu ta’ NPLs (non performing assets) permezz ta’ kombinazzjoni ta’ write-offs, self ġdid ta’ kwalità tajba u titjib fir-rati tal-irkupru. Fil-fatt, il-proporzjon tal-NPA tal-Bank naqas mill-ogħla livell ta’ 9.5 % fl-2014 għal madwar 6.2 % fit-30 ta’ Settembru 2017, livell li jitqabbel b’mod favorevoli mal-medja tas-settur bankarju domestiku ta’ 8.2 % għall-2016.
Meta kkummentat dwar iż-żieda reċenti ta’ EUR 150 miljun fil-kapital azzjonarju, S&P ikkonfermat li din se tippermetti lill-Bank jikkonforma ma’ rekwiżiti kapitali regolatorji ogħla u tpatti għall-impatt tal-IFRS 9 li dalwaqt se tidħol fis-seħħ fl-2018, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-Bank jilħaq miri kritiċi fit-twettiq tal-istrateġija tiegħu, b’mod partikolari l-investimenti tiegħu fid-diġitalizzazzjoni u fi proġetti mifruxa fuq bosta kanali.
S&P enfasizzat ukoll l-istruttura ta’ finanzjament tal-Bank orjentata lejn il-livell tal-konsumaturi u l-bażi ta’ finanzjament soda, bid-depożiti tal-klijenti jibqgħu s-sors primarju ta’ finanzjament tal-Bank. Bħala konsegwenza, ir-rikors tal-Bank għall-finanzjament tal-operaturi huwa mistenni li jibqa’ wieħed limitat.