Bank of Valletta jġedded is-sħubija tiegħu mal-Fondazzjoni Wirt Artna

Mario Farrugia, Ċermen u CEO tal-Fondazzjoni Wirt Artna akkumpanja lil Charles Borg, CEO tal-Bank of Valletta f’mawra max-xelter u l-mużew tal-gwerra f’Couvre Porte fil-Birgu.
“Il-Malta at War Museum huwa testimonju taż-żminijiet diffiċli li għadda minnhom il-poplu Malti fl-agħar żmien tal-Blitz (1940-1943),” qal Mario Farrugia.
Żied li “riċentement il-Mużew ħa xejra ġdida permezz ta’ proġett ta’ titjib u joffri stampa ċara tal-ħajja ta’ kuljum f’dan il-perjodu ikrah fl-istorja tagħna. Insibu aktar minn 10,000 oġġett, bi spjegazzjoni ċara, minn bċejjeċ tal-gwerra, ħwejjeġ u affarijiet magħmula bl-idejn, sforz in-nuqqas ta’ affarijiet materjali f’dak iż-żmien.”
“Illum, il-Fondazzjoni Wirt Artna tieħu ħsieb numru ta’ binjiet u siti storiċi li jkopru medda ta’ 7,000 sena, mill-pre-istorja sas-seklu għoxrin.
Kompla li “nieħu din l-opportunità biex infakkar lill-pubbliku fl-Open Day li se jkun hemm fil-Batterija tal-Mistra għada l-Ħadd”.
Fi kliemu, din is-sena, il-Bank u l-Fondazzjoni se jkunu qed jaħdmu flimkien f’numru ta’ attivitajiet għall-pubbliku.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt