Bank f’Dubaj jagħlaq il-kontijiet ta’ Fenech

Iċ-ċekkijiet li ntbagħtulu ma ġewx imsarrfa

FILE PHOTO. Jeremy Wonnacott/Malta Government Department of Information/Handout via REUTERS

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qed tirrapporta li bank f’Dubaj għalaq il-kontijiet tan-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  

Stephen Grey jirrapporta b’mod esklussiv kif żewġ uffiċjali bankarji qalu li qabel ma ġie akkużat bl-assassinju, Noor Bank għadda żewġ ċekkijiet lil Fenech wara li għalqitlu l-kontijiet li fetaħ f’isem il-kumpanija 17 Black. Dawn kienu jammontaw 1.7 miljun Dollaru Amerikan.

Wieħed mill-uffiċjali, li jmexxi l-Aġenzija Finanzjarja tal-Emirati Għarab Magħquda, qal li l-bank iddeċieda li jagħtih il-flus lura, minħabba li l-klijent kien meqjusa bħala “riskju kbir”. Dan seħħ xhur wara li l-investigazzjoni ta’ Retuers identifikat lil Yorgen Fenech bħala s-sid ta’ 17 Black.  

Iċ-ċekkijiet, bid-data ta’ 23 April 2019 għadhom ma ġewx depożitati. Reuters mhix f’pożizzjoni li tiddetermina jekk Fenech iddepożitax iċ-ċekkijiet f’bank ieħor. L-avukati ta’ Fenech ma weġbux għall-mistoqsijiet tal-aġenzija tal-aħbarijiet. L-uffiċjal tal-Aġenzija Finanzjarja qal li l-flus fil-kontijiet intbagħtu lil Fenech għax ma kien hemm l-ebda ordni tal-iffriżar tal-assi minn xi awtorità, lanqas mill-awtoritajiet Maltin.

Tmien xhur qabel ma ġiet assassinata, Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar il-kumpanija 17 Black. Hi allegat li kien hemm rabtiet ma’ politiċi f’Malta.